Kif Taħdem?

U kif ser tiġi affettwat int?

Kulħadd Responsabbli

Ir-responsabbilità li kull wieħed u waħda minna għandu meta jsuq hija waħda kbira. Ħafna drabi npoġġu lilna nfusna fil-periklu minħabba azzjonijiet żbaljati li nagħmlu waqt is-sewqan.

Il-kontravenzjonijiet li jipperikulaw ħajjitna u l-ħajja ta’ ħaddieħor ser ikollhom numru ta’ punti fuq il-liċenzja abbinati magħhom, apparti l-multa monetarja.

Kif Taħdem

Meta persuna tilħaq 9 punti, ser tirċievi ittra biex tiġi nfurmatha b’dan.

Meta persuna tilħaq 12-il punt f’perjodu ta’ sena, il-liċenzja tiġi revokata.

Fejn il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet revokata għall-ewwel darba, is-sewwieqa jridu jirritornaw il-liċenzja lil Transport Malta.  Transport Malta imbagħad tagħti l-liċenzja lura xahrejn mid-data li l-liċenzja tkun ġiet ritornata.  Is-sewwieqa m’għandhomx għalfejn jagħmlu t-test tas-sewqan mill-ġdid.

Jekk il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet revokata għat-tieni darba, f’perjodu ta’ tlett snin, is-sewwieqa jistgħu japplikaw għal liċenzja tas-sewqan wara xahrejn mir-revoka, din id-darba jridu jagħmlu t-test mill-ġdid.

Is-Sistema tal-Punti Penali

Kull kontravenzjoni minn dawn li ġejjin taffetwalek il-liċenzja.

Kodiċi Kontravenzjoni Punti Penali
AC-1 Sewwieq li jonqos milli jieqaf wara inċident 5-10
CU-1 Użu ta’ vettura bi brejkijiet difettużi 2
CU-2 Użu ta’ vettura b’tyre/s difettużi 2
CU-3 Użu ta’ vettura bi steering difettuż 2
CU-4 Kawża ta’ periklu jew x’aktarx kawża ta’ periklu minħabba fit-tagħbija jew il-passiġġieri 2
RD-1 Sewqan traskurat, negliġenti jew perikoluż 3-11
RD-2 Qtil ta’ persuna mingħajr intenzjoni jew omiċidju kolpevoli waqt sewqan 3-12
RD-3 Kawża ta’ mewt minħabba sewqan perikoluż 3-12
DD-1 Sewqan jew tentattiv ta’ sewqan jew vettura taħt idejn persuna b’livell ta’ alkohol li jaqbeż il-limitu 3-11
DD-2 Sewqan jew tentattiv ta’ sewqan meta s-sewwieq jonqos milli jipprovdi kampjun għall-analiżi 3-11
DD-3 Sewqan jew tentattiv ta’ sewqan meta s-sewwieq ma jkunx fi stat minħabba fi drogi 3-11
IN-1 Użu ta’ vettura mhux assigurata għal riskji kontra terzi 6-8
LC-1 Sewqan xort’oħra milli skont il-liċenzja 3-6
LC-2 Sewqan meta persuna jkollha skwalifika b’ordni tal-qorti 6
LC-3 Nuqqas ta’ tiġdid ta’ liċenzja tat-triq tal-vettura 3-6
LC-4 Nuqqas ta’ tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan 3-6
MS-1 Daqq ta’ ħsejjes elettroniċi qawwijin minn vettura 3
MS-2 Użu ta’ mobile phone waqt is-sewqan 3-6
MS-3 Sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà 3
MS-4 Tilbes jew tuża headphones jew apparat ieħor simili waqt is-sewqan 3-6
PH-1 Sewwieq li jeċċedi s-sinjali jew ir-regolamenti tal-limiti ta’ veloċità skont il-klassifika tat-triq u t-tip tal-vettura 3-6
PH-2 Kontravvenzjoni tar-regolamenti ta’ pedestrian crossing minn vettura miexja 3-5
TS-1 Nuqqas ta’ tħaris tas-sinjali tad-dwal tat-traffiku 3-5
TS-2 Nuqqas ta’ tħaris tal-linji bojod doppji 3-5
TS-3 Nuqqas ta’ tħaris ta’ sinjal ta’ projbizzjoni ta’ direzzjoni tat-traffiku 3-5
TS-4 Nuqqas ta’ tħaris ta’ sinjal li jipprojbixxi d-dħul ta’ vettura fi triq jew f’żona pedonali 3
TS-5 Nuqqas ta’ tħaris ta’ sinjali li jipprojbixxu li vettura taqla’ vettura oħra 3-5
TS-6 Nuqqas ta’ tħaris ta’ sinjal ‘Stop’ 3-5
TS-7 Nuqqas ta’ tħaris ta’ sinjal ta’ direzzjoni tat-traffiku mandatorju 3

X’jiġri f’każ li persuna oħra, mhux is-sid, tkun qed issuq il-vettura?

Il-kontravenzjonijiet kollha, ħlief għal dawk mill-ispeed cameras,  jeħtieġu li uffiċċjal tal-Pulizija, tal-Lesa, jew ta’ Transport Malta, jidentifikaw lis-sewwieq/a jew lill-passiġġiera li jwettqu l-kontravenzjoni.  Dawn tal-aħħar, f’każ li ma jkunux libsin iċ-ċintorin tas-sigurtá.  Għaldaqstant, il-punti penali jiġu applikati lil min wettaq il-kontravenzjoni.

Speed Cameras
F’każ ta’ kontravenzjonijiet maħruġa mill-ispeed cameras, jekk min ikun qiegħed isuq fil-ħin li ssir il-kontravenzjoni ma jkunx sid il-karozza, hija r-responsabbilità ta’ sid il-karozza li jinforma lill-awtoritajiet b’dan il-fatt.  Dan jista’ jsir billi sid il-vettura jniżżel din il-formola ta’ dikjarazzjoni mis-sit www.les.gov.mt, jimliha u jiffirmaha flimkien mas-sewwieq jew sewwieqa.

Niżżel id-dikjarazzjoni

Operaturi

Operaturi li għandhom iktar minn vettura waħda f’isimhom, nirrakkomandawlhom jirreġistraw għas-servizzi elettroniċi (eservices) fuq les.gov.mt u  jispeċifikaw liema sewwieqa se jsuqu l-vetturi tagħhom.

Irreġistra għall-eservices

Eżami dwar l-għarfien fuq is-sigurtà

Jekk persuna tkun tixtieq, għandha l-faċilità li tagħmel eżami dwar l-għarfien fuq is-sigurtá  u jekk tgħaddi, il-punti kollha attivi u marbutin mal-liċenzja ta’ din il-persuna sad-data ta’ meta din il-persuna applikat għall-eżami, jitnaqqsu bin-nofs. Dan qiegħed isir biex nagħtu ċans lil dak li jkun isaħħaħ l-għarfien fuq ir-regoli tat-triq.

L-eżami, mħejji mill-Awtoritá, idum 45 minuta u jikkonsisti fi 30 mistoqsija b’għażla multipla.  Biex persuna tgħaddi trid iġġib 50% jew iktar tar-risposti tajbin.

Il-mistoqsijiet li jistgħu jiġu mistoqsija fl-eżami
Aqra l-mistoqsijiet bil-Malti
Read the questions in English

Persuna tista’ tagħmel dan l-eżami biss darba kull sentejn.